Showing posts with label № 667. Show all posts
Showing posts with label № 667. Show all posts
  1. Lis-signs ma jagħtux każhom

    In-nies bil-wieqfa fuq l-istages li minnhom jgħaddu l-karozzi fid-direzzjoni għall-Belt, ġeneralment tassumi li kull karozza li tgħaddi tkun fil-fatt sejra l-Belt. Ftit huma dawk li jafu li hemm bosta rotot ġodda b’numri eżotiċi bħal 627, 645, 652, 667 jew 675 li jiksru ’l dir-regola.

    Għalhekk, għalkemm is-667 tmur l-Università, ix-xufier xorta waħda jiġi ssinjalat biex iwaqqaf min-nies wieqfa fuq l-istages, stage wara l-ieħor. Kull darba li jwaqqaf, qabel ma jitilgħu javżahom: Din m’hix għall-Belt… għall-u’versità. Normalment il-passiġġier iwieġeb lura b’xi Oooo… ta’ diżappunt, u x-xufier isuq ’l hemm u jidgħi xi tnejn b’wiċċ il-Madonna.

    Darba, wara avveniment minn dawn, lix-xufier għedtlu Għax ma twaħħalx karta kbira li tkun tidher minn barra u li tgħid: DIN GĦALL-UNIVERSITÀ, MHUX GĦALL-BELT? Fil-pront weġibni Għax lis-signs ma jagħtux każhom….

    Għedtlu Kif ma jagħtux każhom? Jekk tkun trid tmur il-Belt, u s-sign tgħidlek li m’hix għall-Belt, ma tagħtix każha?

    NO ICE CREAM Qalli Ħa ngħidlek sieħbi, għax int ’qq Alla ma tafx… darba waħħalt NO FOOD NO DRINK u xorta baqgħu jieklu w jixorbu… ma tawx każ dik se jagħtu każ din?


  2. Tipjip Universitarju

    Darba kont fuq is-667 sejjer l-Università, u kull ma konna jien u x-xufier. Għaddejjin mix-xatt ta’ Tas-Sliema qed noqorbu lejn il-Gżira, ix-xufier dar lejja w qalli: Issa nwaqqaf u inżel waħda ixtrili pakkett Royals…?

    Għedtlu Ok… imma għalfejn ma tixtrihx x’ħin naslu l-Università?

    U għal dan weġibni mnixxef: Eee… mela l-u’versità jpejjpu!?

    Għedtlu Kif ma jpejjpux?

    Qalli Eqq… jien ħsibt li peress li l-u’versità professuri w x’naf jien, allura ma jallowdjawhx it-tipjip!.

    Ħeħe! Il-Gżira tani l-flus, waqqaf it-trakk f’nofs ta’ triq, nżilt nixtrilu r-Royals mill-gabbana, u erġajt tlajt.