Showing posts with label jien. Show all posts
Showing posts with label jien. Show all posts
  1. Kollaborazzjoni akkademika

    Darba, jien u nistenna biex ninżel minn fuq tal-linja, bil-wieqfa ikkrepat, b’wiċċi mkaħħal mas-saqaf tal-faux-injam intbaħt li miegħu xi ħadd kien ħalla mħażża… bit-Tipp-Ex… espressjoni matematika!… ∫ .… jew għall-inqas, ħa, il-bidu ta’ waħda, għax għal xi raġuni (li niddubita qattx se nsiru nafuha) kien imbagħad telaqha nofs leħja.

    Għalhekk, f’ġieħ l-inizjattiva tassew nobbli li kien intraprenda dal-matematiku anonimu fl-interess edukattiv tal-Ġens, ħadtha miegħi id-dar, u lestejtha.


  2. Brand Malta

    Dalgħodu ridt naqbad is-65 mir-Rabat għal Tas-Sliema. X’ħin wasalt fuq is-Saqqajja, fejn il-Casino Notabile (madwar 50 metru mit-terminus) rajt karozza tielqa, u ġieni suspett li setgħet kienet hi.

    Peress li ma xtaqtx nistenna nofs siegħa oħra għal li jmiss, nżilt niġri malajr minn mal-Casino biex jekk forsi tkun hi, niċċansja nwaqqafha nofs triq fin-niżla… u kienet hi, issinjalajt lix-xufier, waqqafli u rkibt. Famuż!

    Irringrazzjajtu, ħallast u poġġejt. U ħsibt… Li kont Stuttgart, kont inżabbab mhux nitla’!

    Dan hu s-servizz Malti per eċċellenza, u min irid biss imaqdar ’l-ikrah bla ma japprezza ’s-sabiħ… jista’ jmur jaqbad it-tramm fis-sebgħa u nofs u seba’ minuti w seba’ w sebgħin sekonda bumm mill-Hauptbahnhof!


  3. Tensjoni

    Xi sena w nofs ilu, kont il-Belt f’xi l-għaxra ta’ fl-għaxija nistenna ’l-aħħar karozza għal San Pawl il-Baħar. Imma l-karozza li konna se nirkbu fiha kienet għadha trid tasal… u ġmielha bdiet tittardja. Innutajt li kien għaddej xi diskors bejn ix-xufiera u d-dispatchers, u mort nistħarreġ. Saqsejt lil dispatcher fiex ħin kienet se tasal, u jekk kenitx se tasal… u dan weġibni: Jien naf?

    Insomma, milli kien jidher ix-xufier li kellu jagħmel il-vjaġġ għal San Pawl iddeċieda li ma kienx se jagħmlu, u kien se jibilgħu xufier ieħor li kien għad kellu jasal bil-karozza minn vjaġġ ieħor. U dan fl-aħħar wasal, mingħalih li għal dak inhar kien lest. U x’ħin għarrfuh li ma kien lest xejn, u li bħall-kornut kellu jerġa jitla’ San Pawl il-Baħar u jerġa’ lura, u illi x-xufier l-ieħor, bażikament, kien reddagħhulu, dan inkorla waħda u sew. Insomma… wara ħafna pprotestar eretiku, irriżulta li dal-vjaġġ kien se jkollu jagħmlu hu… u beda jgħabbina.

    Issa jien kont inzertajt ma kellix flus żagħar għajr 1c u 2c-ijat, u jien u nistenna, minn dawn kont għaqqadt 20c f’mazz ċilindriku pulit, bit-twos taħt u l-ones fuqhom, biex lix-xufier ma ntihomlux ponn żagħar f’idejh u jibgħatni nixxejjer. U issa, bil-wieqfa fuq l-istaffa nistenna ’l ta’ quddiemi jaqta’ l-biljett, stajt nara li x-xufier kien indannat sew. Mess lili, qatagħli u tani l-biljett, u b’denbi taħti mort biex inħallsu… Sorry, imma dawn biss għandi żagħar…, u jien u nqiegħdlu l-mazz żagħar ġo idu, biex mingħalija ntaffiha ftit aktar żidt Għandek eżatt ta’!

    U dan ħares inkreduli lejn il-fidda li qiegħdtlu f’idu, imbagħad ħares lejja b’disprezz, u imbagħad indimunjat bla kliem u bla sliem garahom mit-tieqa b’kemm kellu saħħa u ssabbtu mal-bankina u tferrxu mat-triq. Jien issummajt ruħi u lebbitt ’il-ġewwa… u ħadd ma ssogra jiftaħ ħalqu.

    Ħeħħ, biex iżżid, f’ċertu ħin, qisu lejn nofs il-vjaġġ, fuq in-naħa ta’ wara tal-karozza fettillu waqa’ dahar ta’ bank, waħdu, x’aktarx bl-iskossi. U terġa’ fl-iskiet tat-tensjoni li kien għad hemm mill-episodju ta’ qabel, il-ħoss li dan għamel x’ħin ħabat ma’ l-art iktar instema’ qawwi. Ta’ quddiem bdew iħarsu lura lejn dawk li kienu bil-qiegħda wara, fosthom jien, imma ħadd minna ma lissen kelma, u wisq inqas ma azzarda jiġbru, li ma jmurx jeħel hu.

    Sa’ San Pawl il-Baħar, skiet perfett.


  4. Bla paċenzja

    Darba f’ħalba xita kont fuq 41 wieqfa quddiem l-Avis l-iMsida, maqbuda ġo ilmijiet għoljin sa’ l-istaffa.

    F’ħin minnhom, ix-xufier iddeċieda li kellu bżonn jirreversja, u għalhekk qal lill-mera Imur xi ħadd jarali…. Jien weġibt Ok, ħa naralek u qomt minn posti biex immur naralu mit-tieqa ta’ wara…

    Iżda waqt li kont għadni nofs triq, dan qabad u rreversja u daħal fil-karozza ta’ warajh u faqgħalha quddiem kollu!

    Eqq…


  5. Lis-signs ma jagħtux każhom

    In-nies bil-wieqfa fuq l-istages li minnhom jgħaddu l-karozzi fid-direzzjoni għall-Belt, ġeneralment tassumi li kull karozza li tgħaddi tkun fil-fatt sejra l-Belt. Ftit huma dawk li jafu li hemm bosta rotot ġodda b’numri eżotiċi bħal 627, 645, 652, 667 jew 675 li jiksru ’l dir-regola.

    Għalhekk, għalkemm is-667 tmur l-Università, ix-xufier xorta waħda jiġi ssinjalat biex iwaqqaf min-nies wieqfa fuq l-istages, stage wara l-ieħor. Kull darba li jwaqqaf, qabel ma jitilgħu javżahom: Din m’hix għall-Belt… għall-u’versità. Normalment il-passiġġier iwieġeb lura b’xi Oooo… ta’ diżappunt, u x-xufier isuq ’l hemm u jidgħi xi tnejn b’wiċċ il-Madonna.

    Darba, wara avveniment minn dawn, lix-xufier għedtlu Għax ma twaħħalx karta kbira li tkun tidher minn barra u li tgħid: DIN GĦALL-UNIVERSITÀ, MHUX GĦALL-BELT? Fil-pront weġibni Għax lis-signs ma jagħtux każhom….

    Għedtlu Kif ma jagħtux każhom? Jekk tkun trid tmur il-Belt, u s-sign tgħidlek li m’hix għall-Belt, ma tagħtix każha?

    NO ICE CREAM Qalli Ħa ngħidlek sieħbi, għax int ’qq Alla ma tafx… darba waħħalt NO FOOD NO DRINK u xorta baqgħu jieklu w jixorbu… ma tawx każ dik se jagħtu każ din?


  6. Tipjip Universitarju

    Darba kont fuq is-667 sejjer l-Università, u kull ma konna jien u x-xufier. Għaddejjin mix-xatt ta’ Tas-Sliema qed noqorbu lejn il-Gżira, ix-xufier dar lejja w qalli: Issa nwaqqaf u inżel waħda ixtrili pakkett Royals…?

    Għedtlu Ok… imma għalfejn ma tixtrihx x’ħin naslu l-Università?

    U għal dan weġibni mnixxef: Eee… mela l-u’versità jpejjpu!?

    Għedtlu Kif ma jpejjpux?

    Qalli Eqq… jien ħsibt li peress li l-u’versità professuri w x’naf jien, allura ma jallowdjawhx it-tipjip!.

    Ħeħe! Il-Gżira tani l-flus, waqqaf it-trakk f’nofs ta’ triq, nżilt nixtrilu r-Royals mill-gabbana, u erġajt tlajt.


  7. Nadif tazza

    Darba kont ġej mir-Rabat bis-65, u x’ħin wasalna Tas-Sliema kien għad fadal biss ix-xufier obeż, jien u tfajla mġissmha. It-tfajla daqqet il-qampiena, u x-xufier waqqaf fuq l-istage Bisazza Street. Hi hu nieżla l-istaffa tarġa tarġa, ix-xufier kiel u laqqat minn sormha dak li kont ħallejt jien.

    Imbagħad x’ħin kienet niżlet dar lejja u qalli b’sillabi twal: Kif nerdagħulha… nillostrahulha!… u imbagħad b’ċaqliqa t’idu bħal kif ileqq id-dawl meta jirrefletti minn fuq xi ħaġa li tkun nadifa tazza, qalli Hekk inġibulha!


  8. Att Nisrani

    Illum tlajt fis-63 wieqfa f’Putirjal il-Belt sabiex niġi d-dar. Ix-xufier ma kienx hemm, imma kien hemm in-nies bil-qiegħda. Imbagħad wasal, qagħad f’postu, u wieħed wieħed kulħadd beda jmur għandu jaqta’ l-biljett u jerġa’ lura lejn postu.

    Jien u sejjer naqta’ tiegħi, rajt soru bil-qiegħda, u biex nagħmilha tal-ġentlom u niffrankahielha, ħadtilha l-flus minn idha u għedtilha li se nġibulha jien il-biljett. Eqq, la kont sejjer naqta’ tiegħi, ħsibt might as well!. Tlabtha l-Kartanzjan ħalli jekk għal li jista’ jkun ix-xufier joqgħod ġej bil-liba, ma noqgħodx ġej u sejjer, u din newwlithieli. Qtajt il-biljetti tiegħi u tagħha, u mort lura w tajtulha.

    X’ħin tajtulha, irringrazzjatni w b’tbissima nisranija qaltli Ndunajt hu’x li jien marida, li ma nistax nimxi?. Il-mod kif qaltli dal-kliem, stħajjiltha li kienet qed tħoss li Alla qed ipattilha tal-ġid li għamlet, li jien kont xi mibgħut minn Alla bid-dija ħierġa minni u li wara dal-kliem kont se nisparixxi. Imma jien weġibtha Le! (u ġo qalbi ħsibt Le, xiż-żobb!?) u mort lura lejn posti.