Showing posts with label putirjal. Show all posts
Showing posts with label putirjal. Show all posts
  1. Kollaborazzjoni akkademika

    Darba, jien u nistenna biex ninżel minn fuq tal-linja, bil-wieqfa ikkrepat, b’wiċċi mkaħħal mas-saqaf tal-faux-injam intbaħt li miegħu xi ħadd kien ħalla mħażża… bit-Tipp-Ex… espressjoni matematika!… ∫ .… jew għall-inqas, ħa, il-bidu ta’ waħda, għax għal xi raġuni (li niddubita qattx se nsiru nafuha) kien imbagħad telaqha nofs leħja.

    Għalhekk, f’ġieħ l-inizjattiva tassew nobbli li kien intraprenda dal-matematiku anonimu fl-interess edukattiv tal-Ġens, ħadtha miegħi id-dar, u lestejtha.


  2. Fulapp!

    Ok, din ma ġratx lili. Xi snin ilu, ħabib tiegħi qalli li ġrat lil ħabib tiegħu, għalhekk ejja ngħidu li hi leġġenda urbana

    Mela darba, hekk kif ix-xufier startja l-karozza tal-linja biex jibda l-vjaġġ minn ġo Putirjal u se jibda miexi, ġie raġel bil-ġirja biex ilaħħaq mal-karozza, u rnexxielu jirkeb. Iżda bilkemm kien għadu tela’ fuq l-istaffa, għax ix-xufier laqgħu b’leħen oħxon u assertiv: Fulapp.

    Qabel ma nkomplu, wieħed irid jifhem illi karozza qatt ma toħroġ minn ġo Putirjal mgħobbija bin-nies bil-wieqfa. Dan isir ħalli jifdal l-ispazju għal min ikun qed jistenna fuq l-istages tal-Furjana u tal-Bombi. U f’dil-karozza partikolari, is-seats kienu kollha meħudin. Allegatament, il-biċċa kompliet hekk…

    Ir-raġel wieġbu U ejja… mgħaġġel…

    Ix-xufier tenna Fulapp!

    Iżda milli jidher, dar-raġel, il-karozzi li jkunu veru full up kien jaf sew kif ikunu, għalhekk konvint li x-xufier kien qed jitnejjek bih, rabba daqsxejn ta’ l-arja w sfidah: M’hix full up!

    Imma dat-ton xejn ma niżel tajjeb max-xufier, li or’mai kienet bdiet taqbiżlu sew. B’leħen għoli, se jisplodi l-aħħar, wissih Għedtlek fulapp!!

    U ej…U fl-aħħar lix-xufier qabżitlu l-Ostja, u b’leħen ifarrak il-blat għajjat: INT TIFHEM BIL-MALTI?? FU,   LAPP!!!!